Siltiet mid-diskors tal-Ministru Pullicino waqt is-seduta parlamentari li ddiskutiet it-Tibdil fil-Klima – Kamra tar-Rapprezentanti – 15.01.2009
Fid-diskors tiegħu l-Ministru Pullicino saħaq li Malta dejjem qieset il-bidla fil-klima bħala tema importanti u ħadet l-inizjattiva biex jingħata għarfien internazzjonali għal din il-problema tant li fl-1988 kienet Malta li poġġiet din it-tema għall-attenzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti. Nistgħu ngħidu li dan kien il-bidu ta’ proċess li aktar ma’ għaddew is-snin aktar sar wieħed ta’ priorita’ għall-komunita’ internazzjonali.
Il-Ministru Pullicino sellem lil żewg persunaġġi Maltin li għenu biex din it-tema tibda tingħata l-importanza tagħha. L-ewwel il-Prof. David Attard, il-persuna li sawwar il-bażi tal-proposta kif ukoll Michael Zammit Cutajar li kien is-Segretarju Ezekuttiv tal-UNFCCC (UN Framework Convention on Climate Change) li taħtu ġie stabbilit il-Protokoll ta’ Kyoto, u li llum huwa l-ambaxxatur Malti għat-tibdil fil-klima.
Il-Ministru Pullicino qal li għalkemm pajjiżna huwa żgħir u għaldaqstant l-effett tal-emissjonijiet ta’ pajjiżna fuq il-bdil fil-klima mondjali meta komparat ma’ ta’ pajjiżi oħra huwa minimu, xorta rridu nagħmlu l-almu tagħna sabiex nippruvaw kemm jista’ jkun innaqqsu l-emissjonijiet u nżidu l-produzzjoni ta’ enerġija nadifa. Il-Ministru Pullicino fakkar li f’pajjiżna bejn l-1990 u l-2005 id-domanda għall-użu tal-enerġija elettrika irduppjat bir-riżultat li l-emissjonijiet mill-industrija ta’ l-enerġija, jiġifieri miż-żewġ impjanti li jiġġeneraw l-enerġija elettrika, żdiedu minn 1.4 miljun tunnellata tal-gas CO2 għal żewġ miljun tunnellata ta’ gass fl-2006. Fit-trasport ukoll seħħet żieda sostanzjali fl-emissjonijiet mill-karozzi. L-emissjonijiet mill-1990 żdiedu b’aktar minn 50% sa’ l-2006. Fl-2006, 16% tal-emissjonijiet kollha kienu kkawzati mill-karozzi.
Il-Ministru Pullicino fakkar fl-obbligi li Malta stess rabtet lilha magħhom għax pajjiżna bħala Membru tal-Unjoni Ewropea kien ko-parteċipi fid-deċiżjonijiet li l-Unjoni Ewropea ħadet. Malta bħala membru tal-Unjoni Ewropea hija obbligata tirraporta kull sena lill-Unjoni Ewropea fuq dak li Malta tkun qed tagħmel biex tilħaq il-miri stabbiliti. Dawn it-tlett miri jinkludu li sal-2020 irridu nnaqqsu l-livell ta’ CO2 b’20% mill-livell li kellna fl-1990. Dan ifisser ‘tnaqqis ta’ ‘l fuq minn 50% tal-livelli ta’ CO2 li ghandna llum mis-settur tal-ġenerazzjoni tal-elettriku u fis-settur tal-avjazzjoni. Għal dan il-għan, l-UE wetqet dak li jissejjaħ Emission Trading Scheme. B’din l-iskema jekk Malta ma tibdiex tniżżel il-volum ta’ CO2 taħt dak allokat lilha mill-Ewropa, Malta ma jkollhiex triq oħra ħlief li tixtri dawk li jissejħu CO2 credits biex tagħmel tajjeb għal fatt li qed tħammeġ aktar. Apparti li jkollna nhallsu anke multi kbar. Il-Ministru Pullicino qal li dan huwa eżempju ċar tal-prinċipju tal-polluter pays fil-prattika.
It-tieni target li Malta ghanda huwa dak li sal-2020, 10% tal-energija tagħna trid tiġi minn sorsi nodfa, billi nużaw teknoloġiji ta’ enerġija alternattiva mix-xemx jew mir-riħ.
Il-Ministru Pullicino tenna li hawn ukoll jekk Malta ma jirnexxilhiex tilħaq din il-mira Malta jkollha tħallas multa sostanzjali kull sena.
It-tielet target jirrigwarda s-setturi bħat-trasport, agrikultura, skart u oħrajn li ma jaqawx taħt l-iskemi li diga’ semmejt. F’dan il-każ l-Ewropa poġġiet t-target li f’dawn l-oqsma l-Membri jridu jikkapjaw l-emissjonijiet ta’ gassijiet sal-2020 għal mhux iktar minn 5% tal-livelli stabbiliti fl-2005. Hawn ukoll Malta jkollha tħallas multa sostanzjali għal kull CO2 li ma tkunx laħqet bil-possibilita ta’ sanzjonijiet oħra.
Il-Ministru Pullicino sostna li kien propju għalhekk li f’Gunju li għadda għażel li jwaqqaf Kumitat ta’ esperti sabiex ifassal strateġija ta’ kif Malta tista’ tnaqqas b’mod konkret l-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Issa l-Kumitat ippreżenta din l-istrateġija li tikkonsisti minn 87 rakkomandazzjoni li fost oħrajn jirrakomandaw investiment qawwi fis-sistema ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku u investimenti għat-trattament tal-iskart.
L-ewwel rakkomdazzjoni mis-87 li dan il-kumitat qiegħed jirrakomanda taqra li ”ir-rapport jiġi ppublikat biex jistimula diskussjoni nazzjonali”. Il-Ministru Pullicino saħaq li l-Gvern b’mod responsabbli u serju qiegħed jippublika dan ir-rapport u li issa jinsab miftuħ għall-konsultazzjoni pubblika. Dan ir-rapport jista’ jinkiseb mis-sit eletroniku www.climatechange.gov.mt.
Il-Ministru saħaq fuq l-importanza li din l-Istrateġija tikseb kunsens mill-aktar wiesa’ għax qal li dan jiffaċilita’ l-implimentazzjoni tagħha. Hu fakkar kif fil-passat il-Gvern għadda minn ċirkustanzi fejn kellu strateġiji maqbula u xorta sab kull tip ta’ oppozizzjoni meta wasal fil-fazi ta’ implimentazzjoni u appella għal maturita’ ta’ kulħadd biex dan ma jerġax iseħħ. Hu qal li jekk Malta tfalli fl-għanijiet ta’ din l-Istrateġija, l-piz ikollu jinġarr minn kulħadd għaliex Malta hi marbuta li tilħaq ċerti miri stabbiliti.
Il-Ministru Pullicino rringrazzja lil kull min serva f’dan il-kumitat sabiex pajjiżna jkun jista’ jaqbad id-direzzjoni t-tajba sabiex ikollna strateġija nazzjonali ta’ miżuri ta’ politika u tnaqqis tal-emissjoniet tal-gassijiet serra. |