Is-sena 2009 offritilna sfidi li Gvern immexxi b’għaqal għaraf jisfrutta u jdawwar f’opportunitajiet ta’ xogħol permezz ta’ aktar edukazzjoni, taħriġ u proġetti.
It-tieni sena ta’ ħidma tal-Ministeru tiegħi kienet ikkaretterizzata minn numru ta’ proġetti fejn erġajna tajna lura lin-nies spazji li kienu okkupati u dawwarnihom fi spazji miftuħa u ta’ kwalità għar-rikreazzjoni tal-familji. L-aktar prominenti kienu l-proġetti ta’:
• Pjazza Sant’ Anna f’Tas-Sliema;
• Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta u
• l-Adventure Park f’Ta’ Qali.
Ma’ dawn wieħed irid iżid lista twila ta’ proġetti ta’ manutenzjoni u restawr. Matul l-aħħar xhur ingħata bidu:
• għar-restawr ta’ 6km ta’ swar ta’ madwar il-Belt Valletta, l-Imdina, il-Birgu u ċ-Cittadella f’Għawdex, b’investiment ta’ €36 miljun b’ko-finanzjament mill-Unjoni Ewropea;
• xejn anqas minn 20 proġett ta’ restawr u tisbiħ fil-Belt Valletta, fosthom ir-restawr tal-Bibljoteka, il-Berġa ta’ Kastilja u l-Palazz tal-Gran Mastru.
Tlesta xogħol estensiv ta’ restawr, fost l-oħrajn, fuq:
• Villa Francia f’Ħal Lija;
• Il-faċċati tal-mużew ta’ Wignacourt fir-Rabat u
• Is-Swar ta’ Falsabraga f’Sa Maison.
Din hija ħidma li twassalna biex nagħtu lura lill-poplu Malti ambjent isbaħ, filwaqt li nagħmlu pajjiżna aktar attraenti. Għalhekk:
• ġew installati 13-il funtana ġdida madwar pajjiżna;
• sar xogħol ta’ tisbiħ fuq l-estensjoni tal-Park tas-Salina u nbeda x-xogħol fuq il-proġett tas-salini tal-melħ li se jara ukoll investiment ta’ €7 miljun b’għajnuna minn fondi ewropej;
• tlesta l-promenade ta’ Paceville;
• applikajna mal-MEPA sabiex isir proġett għal kontra l-għargħar;
• inħareġ il-permess biex titwettaq il-viżjoni tal-Gvern li jdawwar f’parks żoni, li sa ftit snin ilu kienu jintużaw bħala miżbliet mhux kontrollati f’Wied il-Għajn u fil-Magħtab.;
• permezz tal-kampanja 34U fl-aħħar ħames snin tħawwlu mad-90,000 siġra.
Dan kollu qed isir biex il-Gvern jiggarantixxi livell ta’ ħajja aħjar lill-familji Maltin u Għawdxin. B’dan l-impenn il-Gvern għen biex:
• ’il fuq minn 6,200 familja ngħataw għajnuna biex jinstallaw solar water heaters taħt żewġ skemi differenti;
• 600 familja qed jiġġeneraw enerġija nadifa permezz tax-xemx wara li gawdew mill-għajnuna fuq xiri ta’ panelli fotovoltajiċi;
• 445 familja ġew inċentivati finanzjarjament biex għamlu double glazing jew roof insulation;
• miljun bozza tqassmu lil 130,000 familja fl-2009;
• B’kollox, għat-tlett snin li ġejjin, il-Gvern, b’ko-finanzjament mill-Unjoni Ewropea, qed jinvesti €8 miljun fi skemi għal xiri ta’ solar water heaters u panelli fotovoltajiċi. Fil-ġurnata li nfetħet l-iskema għall- panelli fotovoltajiċi, l-għajnuniet itteħdu kollha u għalhekk il-Gvern fl-2010 se jiftaħ skema oħra għal xiri ta’ panelli fotovoltajiċi;
• Ġew identifikati is-siti u saru l-applikazzjonijiet meħtieġa biex isiru aktar studji ħalli f’pajjiżna jiġu żvilluppati żewġ wind farms fuq l-art, f’Wied Rini u f’Ħal Far, u sit fil-baħar fuq is-Sikka l-Bajda;
• Ittella’ wind monitoring mast temporanju fl-Aħrax tal-Mellieħa. Dan qed iservi biex tkompli tinġabar data xjentifika bħala parti mill-istudji dwar il-vijabbilità tat-twaqqif ta’ windfarm fil-baħar. L-istudju dwar l-impatt tal-wind farms f’Ħal Far diġà beda u ħarġu t-tenders għall-istudji ta’ Wied Rini; u
• 15–il kumpanija urew l-interess taghhom biex jinstallaw panelli fotovoltajiċi fuq 67,000 metru kwadru ta’ soqfa ta’ binjiet pubbliċi. Hekk tkun iġġenerata enerġija daqs kemm jikkunsmaw madwar 1,500 familja.
L-iskart li narmu sar għalina riżorsa u fil-qasam tal-immaniġġjar tal-iskart pajjiżna għamel avvanzi kbar tul dawn l-aħar snin tant li:
• F’sentejn li ilu jopera Sant’Antnin, l-WasteServ ġabret mat-22,000 tunnellata ta’ skart riċiklabbli, jiġifieri madwar 55 kilo għal kull persuna ras għal ras;
• Ġiet iffinalizzata l-ewwel reviżjoni tal-Istrateġija għall-Iskart Solidu wara proċess ta’ konsultazzjoni pubblika. Din l-Istrategija kienet soġġetta wkoll għal Strategic Environmental Assessment li wasal fl-istadji finali tiegħu.
Matul ix-xhur li għaddew saru wkoll proċessi ta’ konsultazzjoni pubblika dwar;
• l-Att regulatorju dwar il-Bini u d-drittijiet ta’ terzi fejn ikun qed jiġi żviluppat sit jew binja,
• il-politika dwar l-enerġija, u
• Miżuri ta’ Politika u Tnaqqis tal-Emmissjonijiet tal-Gassijiet Serra.
Matul l-aħħar xhur saħħaħna d-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali. Beda jopera servizz ta’ ambulanza għall-annimali 24 siegħa kuljum u tkompla il-programm ta’ micro chipping. L-Animal Welfare Centre ġewwa Ta’ Qali jinsab fi stadju avvanzat.
Il-Gvern irid jinvesti biex jiggarantixxi futur sostenibbli f’kull settur. B’dan il-prinċipju, fl-aħħar xhur wettaqna t-tieni pass fil-mixja li bdejna s-sena ta’ qabel biex l-ilma tal-pjan ikun sostenibbli. Għalhekk il-Gvern għamel obbligatorju l-ħruġ ta’ liċenzji għal bowsers li jissuplixxu l-ilma.
Fil-qasam tal-biedja rajna sseħħ espressjoni ta’ fiduċja mill-operaturi fis-settur:
• Għal skema ta’ għajnuna li offriet nofs l-ispejjeż tal-proġett ta’ titjib tal-ażjendi agrikoli b’total ta’ €19-il miljun, il-bdiewa u r-raħħala ressqu ‘l quddiem b’investiment propost ta’ €40 miljun; u
• nhedejna 14-il miżura minn total ta’ 18 li jiffurmaw il-Programm għall-Iżvilupp Rurali 2007-2013. L-għajnuna taħt il-miżuri mħabbra sa’ issa tammonta għal aktar minn €60 miljun minn programm li jammonta għal €100 miljun.
Il-Gvern impenja ruħu biex ikompli jkun hemm sigurtà fl-ikel. Għalhekk fost l-oħrajn:
• iddaħħlet sistema ta’ traċċabilità tal-laħam taċ-ċanga; u
• il-laħam li joħroġ mill-Biċċerija qiegħed jinġarr ġo vetturi refriġerati.
Għas-settur tas-sajd:
• Ingaġġajna 10 Fisheries Protection Officers li ngħataw taħriġ u assistenza kontinwa f’ħidmiethom.
• Ġew allokati €300,000 għall-ewwel fażi tal-irranġar ta’ breakwater f’Marsaxlokk;
• Bdew jinħarġu l-iskemi ta’ għajnuniet tal-Fond Ewropew għas-Sajd għas-snin 2007 – 2013 b’allokazzjoni ta’ €11-il miljun.
Dan juri kemm b’determinazzjoni u b’fatti aħna kommessi li nagħtu lura lill-poplu tagħna, pajjiż isbaħ li jkattar il-ġid u li l-isfidi jegħlibhom b’aktar ħolqien ta’ xogħol. Hekk naslu li jkollna poplu li jgawdi minn livell ta’ ħajja aħjar.












