Wara li s-sena l-oħra tlestiet l-ewwel fażi tal-proġett tal-promenade ta’ Marsaxlok fejn tkabbret u sar pavimentar ġdid fil-bankina ta’ man-naħa tal-bini, fil-jiem li ġejjin se jinbeda x-xogħol fuq it-tieni fażi ta’ dan il-proġett. Dan jiġifieri it-tisbiħ tan-naħa ta’ mal-baħar (il-promenade).
Il-Ministeru għamel diskussjonijiet mal-partijiet kollha kkonċernati dwar it-tieni fażi tal-proġett fosthom mal-Kunsill Lokali, il-bejjiegħa tal-monti, il-GRTU li tirrapreżenta lis-sidien tal-ħwienet u mas-sajjieda.
Fil-laqgħat ġew espressi pożizzjonijiet konflinġenti mill-partijiet ikkonsultati. Il-Gvern dejjem għamilha ċara, li filwaqt li hu determinat li jkompli l-proġett, minn naħa l-oħra mhux dispost jonfoq flus pubbliċi biex jissebbaħ il-promenade biex dan jispiċċa ssirlu ħsara fi żmien qasir jekk jibqa’ jintuża kif inhu llum. Il-Ministeru jixtieq jirringrazza lil kull min kien involut f’dawn id-diskussjonijiet u japprezza l-fatt li kulħadd fehem l-importanza li x-xogħol fuq dan il-promenade għandu jsir għax b’dan il-proġett ta’ tisbiħ ser jibbenifika lil kulħadd.
Għalhekk il-Gvern jemmen li fl-aħjar interess għal kulħadd, il-monti jibqa’ jarma eżattament fejn qiegħed illum, jiġifieri f’żewġ ringieli tul il-promenade kollu, iżda wara li jitlesta x-xogħol mhux se jitħallew jintramaw il-vetturi (vannijiet) wara l-post li minnu jsir il-bejgħ fuq il-promenade. Il-vetturi se jkunu jistgħu jitħallew fl-ispazju għall-parkeġġ provdut taħt il-bankina sabiex il-vettura ma tkunx ‘il bogħod. (Id-disinn anness juri kif il-vetturi ser ikunu pparkjati u kif ser tintrama l-istall relattiva.)
Ta’ min jgħid li dan id-disinn hu wkoll id-disinn li fuqu ta l-kunsens tiegħu l-Kunsill Lokali. Dan il-kunsens reġa’ kien ikkonfermat f’laqgħa li l-Ministru Pullicino kellu llum mal-Kunsill Lokali.
Dan l-arranġament iwassal biex:
• il-vetturi jkunu l-eqreb possibbli ta’ fejn jintrama l-monti;
• l-bejjiegħa jkunu jistgħu jidħlu u joħorgu mill-parkeġġ fi x’ħin ikun hemm bżonn mingħajr ma joqgħodu jistennew lil xi bejjiegħa oħra jżarmaw;
• ikun hemm dejjem u f’kull ħin passaġġ għall-vetturi ta’ emerġenza tul ix-xatt kollu;
• l-istalls kollha jibqgħu fl-istess pożizzjoni fejn huma llum, u;
• l-promenade jissebbaħ sabiex jakkomoda aħjar l-istalls kollha tal-monti li llum jarmaw fuqu kif ukoll lin-numru kbir ta’ Maltin u turisti li jżuru dan ir-raħal pittoresk.
Sakemm jitlestew ix-xogħlijiet fuq il-promenade u jsir asfaltar ġdid tul it-triq, bi qbil mal-Assoċjazzjoni tal-bejjiegħa tal-monti, bħala arranġament temporanju, il-monti ser jiċċaqlaq għaż-żona tal-Magħluq sabiex b’hekk ikun akkomodat kulħadd.
Dan il-proġett qed issir b’investiment ta’ €2 miljun. Dan l-investiment juri biċ-ċar kemm il- Gvern irid li b’mod konkret jinvesti fin-naħa ta’ isfel ta’ pajjiżna u b’hekk ukoll jtejjeb il-potenzjal turistiku ta’ din iż-żona.
Stalls layout.pdf












