Il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali jikkundanna l-att vandalu li sar aktar kmieni dalgħodu fejn tqaċċtu numru ta’ siġar mis-sit tal-Foresta 2000 fil-Mellieħa. Hija ħasra li dawn il-proġetti ta’ afforestazzjoni jispiċċaw fil-mira ta’ attakki vandali.
Il-Foresta 2000 huwa proġett tal-Gvern bi sħab bejn Din l-Art Ħelwa u l-Bird Life.
Il-Gvern huwa mpenjat li jkompli bi proġetti t’afforestazzjoni f’pajjiżna tant li qed jiżdiedu l-parks f’pajjiżna sabiex jitħawwlu aktar siġar, kif ukoll jingħata aktar spazju ta’ rikreazzjoni għall-familji.
Permezz tal-kampanja 34U ukoll f’dawn l-aħħar 5 snin kemm ilha mwaqqfa, tħawwlu ‘l fuq minn 90,000 siġra.
Il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali jħeġġeġ lill-pubbliku jkompli jipparteċipa f’din l-inizjattiva sabiex inkomplu nsebbħu pajjiżna u ngawdu minn aktar arja nadifa.












