Il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali jilqa’ b’sodisfazzjon il-ħruġ tal-permess għar-riabilitazzjoni tal-miżbla l-magħluqa tal-Qortin.
Dan huwa pass ieħor fi twettieq ta’ wegħda elettorali oħra, sabiex il-miżbliet il-magħluqa jkunu riabilitati u mgħoddija lura lin-nies fi spazju miftuħ għar-rikreazzjoni tal-familji Maltin u Għawdxin.
Minn kemm ilha li ngħalqet il-miżbla tal-Qortin, permezz tal-kumpanija Wasteserv, beda x-xogħol sabiex jiġu estratti l-gassijiet ħżiena.
Għalhekk ġie nstallat impjant b’investiment ta’ ‘l fuq minn €1 miljun li sal-lum ittratta ‘l fuq minn 340 tunnellata ta’ gass Carbon dioxide (diossidu tal-karbonju - CO2).
Ir-riabilitazzjoni tal-Qortin qed issir b’investiment ta’ madwar €3.5 miljuni ko-finanzjati minn fondi Ewropej. Permezz tar-riabilitazzjoni tal-miżbliet il-magħluqa, l-poplu jgawdi minn spazju miftuħ għar-rikreazzjoni u arja aktar nadifa.












