It-Taqsima tal-Kontroll tas-Sajd fil-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali tirreferi għal numru ta’ rapporti mxandra fil-mezzi tal-istampa u x-xandir fl-aħħar jiem dwar kontrolli li jsiru fuq is-sajd għat-tonn, fosthom il-kummenti tal-lum tal-Għaqda Sea Shepherd.
It-Taqsima tal-Kontroll tas-Sajd tiċċara li l-kontroll fuq is-sajd tat-tonn isir skont regoli stretti tal-ICCAT (International Commission for the Control of Atlantic Tuna) u l-Unjoni Ewropea. Dawn il-kontrolli jinkludu li osservatur indipendenti jkun fuq il-laneċ li jkunu qed jistadu għat-tonn biex jara li qed jiġu osservati r-regoli. F’dan ir-rigward irid ikun iċċarat ukoll li mhux meħtieġ li jkun hemm osservatur fuq il-bastimenti li jkunu qed jirmunkaw il-gaġeġ, kif kien dan il-każ.
F’każijiet fejn dan it-tonn jinbiegħ biex jitkabbar fil-farms Maltin, il-produttur jagħmel talba lill-awtoritajiet Maltin li trid tkun tinkludi s-sottomissjoni ta’ dokumenti li huma dokument tal-qabda tal-ħut (Blue Fin Tuna Catch Document – BCD) li jkun irreġistrat mal-ICCAT, kif ukoll awtorizzazzjoni mill-istat fejn ikun reġistrat il-bastiment li jkun qabad il-ħut. Irrid ikun iċċarat u mtenni li l-EBDA ħut ma jitħalla jiġi mpoġġi f’gaġeġ f’Malta mingħajr dawn id-dokumenti u mhux qabel isiru l-verifiki meħtieġa.
Fil-każ tat-tonn involut fl-inċidenti mal-Għaqda Sea Shepherd, jirriżulta lill-awtoritajiet Maltin li d-dokumenti kollha kienu abbord il-bastiment kif jitolbu r-regolamenti. Dawn id-dokumenti jiġu verifikati mill-awtoritajiet Maltin ġaladarba tkun saret it-talba biex il-ħut jitpoġġa fil-gaġeġ.
It-Taqsima tal-Kontroll tas-Sajd tiċċara wkoll li l-operazzjoni kollha ta’ sajd, trasferiment u qtil tal-ħut huwa kollu vverifikat u regolat taħt programm ta’ regional observer, li hu programm tal-ICCAT li permezz tiegħu osservaturi indipendenti jintbagħtu biex jagħmlu verifiki fuq il-gaġeġ li fihom jitkabbar it-tonn. Dan minbarra numru ta’ inspezzjonijiet oħrajn li jsiru kemm mill-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-awtoritajiet Maltin.
Fl-aħħarnett, it-Taqsima tal-Kontroll tas-Sajd tisħaq li l-Għaqda Sea Shepherd mhijiex Awtorita’ Regolatorja u għalhekk ma kellha ebda dritt li tieħu l-liġi f’idejha abbażi ta’ suspett. Is-Sea Shepherd, kif ukoll l-Għaqdiet l-oħra kollha ta’ Konservazzjoni, għandhom jirrapurtaw is-suspetti tagħhom lill-Awtoritajiet Regolatorji Internazzjonali (ICCAT), Ewropej (Unjoni Ewropea) u nazzjonali (it-Taqsima tal-Kontroll tas-Sajd ta’ Malta) u jħallu f’idejn dawn l-Awtoritajiet biex iwettqu l-investigazzjonijiet tagħhom. B’hekk biss ikun aċċertat li r-regoli u l-liġijiet ikunu qed jiġu obduti minn kulħadd.












