Il-Ministru George Pullicino ipparteċipa waqt il-laqgħa tal-Kunsill tal-Agrikoltura u Sajd, li qed issir fil-Lussemburgu u li ddiskutiet fost oħrajn il-mira tal-Kummissjoni biex tintlaħaq il-Maximum Sustainable Yield għall-istokkijiet tal-ħut sal-2015 u ir-riforma tal-politika tas-sajd.
Waqt id-diskussjoni fuq ir-riforma tal-politika tas-sajd, il-Ministru Pullicino saħaq fuq l-importanza li jkun affermat mill-ġdid ir-rwol li jkopru l-ispetturi tal-Istati Membri u tal-Aġenzija tal-Kontroll tas-Sajd. Il-Ministru Pullicino emfasizza l-punt illi huma dawn biss li għandhom jedd jieħdu miżuri ta’ nfurzar.
Il-Ministru kompla qal ukoll li ċertament mhux aċċetabbli li armati privati, bħal dawk ta’ għaqdiet non-governattivi bħal ma huma l-Greenpeace u s-Sea Sheperd, jattakaw operazzjonijiet legali ta’ sajd kif rajna fl-aħħar ġranet fuq operaturi Maltin. Dawn l-attakki saru fuq attivitajiet Maltin li kienu jinvolvu wkoll dgħajjes Libjani, Tunezini, Francizi u Taljani.
Dawn l-għaqdiet m’għandhomx dritt jieħdu l-liġi f’idejhom. Huwa ċar illi l-operaturi għandhom dritt li jkunu protetti żied jgħid il-Ministru Pullicino.












