Bl-istqarija tiegħu l-Onor Brincat jippreferi joqgħod ifettaq fuq dati milli jiffoka fuq is-sustanza u jirrikonoxxi li l-politika u l-pjan tal-Gvern qed iħallu l-frott.
Fid-dibattitu parlamentari li rrefera għalih l-istess Onor Brincat fl-istqarrija tiegħu, ingħata rendikont sħiħ tal-miżuri li pajjiżna qiegħed jieħu sabiex jilħaq il-miri stabbiliti. Pero peress li dan konvenjentement ġie injorat u l-Onor Brincat aktar jixxala jiżra’ d-dubji.
It-tfassil ta’ kif pajjiżna ser jilħaq il-miri stabbiliti hekk kif elenkat fid-dokument finali li ġie ppreżentat lill-Kummisjoni Ewropea juri kif pajjiżna qed jippjana li jaqbeż il-mira ta’ 10% ta’ enerġija prodotta minn sorsi nodfa, u dan primarjament minħabba aġġustament fil-miri relatati mal-qasam tat-trasport.
Dan jista’ jseħħ peress li l-Gvern qed jaħdem biex sal-2020, ikun hawn użu akbar u aktar vetturi li jużaw l-autogas, użu akbar tal-biodiesel bħala fuel fil-vetturi u jiżdiedu l-electric cars f’pajjiżna.
Dawn mhumiex miri fl-arja tant li l-Gvern ġa beda jieħu passi fuqhom. Fir-rigward tal-autogas, għaddejjin diskussjonijiet dwar l-infrastruttura neċessarja. Kif intqal fil-parlament, l-Awtorita ta’ Malta dwar ir-Riżorsi tinsab għaddejja bi proċess ta’ konsultazzjoni pubblika fuq l-użu tal-biofuels fit-trasport sabiex fi żmien qarib ikun obligatorju li jiżdied l-użu tal-biofuel. Barra minn hekk, fil-jiem li għaddew il-Gvern waqqaf kumitat ta’ esperti biex ifassal strateġija dwar kif jista’ jkun imħajjar l-użu ta’ electric cars.
Dawn huma apparti, l-isforzi tal-Gvern sabiex pajjiżna jiġġenera enerġija nadifa mix-xemx, mir-riħ u mill-iskart, liema sforzi żgur li ma jistax jieħu kredtu tagħhom l-Onor Brincat jew l-Oppożizzjoni.
Hija ħasra li flok jinġibed ħabel wieħed l-Onor Brincat jiżra d-dubbji, u jibbaża fuq miżinformazzjoni bħal meta jgħid li l-iskema ta’ panelli fotovoltajiċi qed taħdem bl-iskossi, u dan minkejja numru ta’ stqarrijiet pubbliċi ċari min-naħa tal-Awtoritajiet. Kif intqal ripetutament, għaddejja investigazzjoni mill-pulizija, liema investigazzjoni ġiet instigata mill-Awtoritajiet lokali, filwaqt li qed isir ħidma bla waqfien sabiex tinfetaħ skema ġdida mill-aktar fis possibbli. Fir-rgiward tal-feed-in tariff, fil-jiem li ġejjin il-Gvern ser iħabbar ir-rati applikabbli u dan sabiex jinċentiva dejjem aktar ix-xiri ta’ dawn is-sistemi. Dan kollu diġa ntqal anki f’dibattiti fil-Parlament iżda jidher li l-Onor Brincat iħobb jisma’ biss dak li jgħid hu.
Filwaqt li l-Onor Brincat jehda fi stqarrijiet repetittivi, il-Gvern miexi bi pjan serju li għandu jwassal sabiex pajjiżna jkompli jiġġenera enerġija minn sorsi alternattivi li joffru livell ta’ saħħa u għixien aħjar għal kulħadd.
Sadanittant jagħmel sew l-Onor Brincat li jipprova jutilizza l-ħin tiegħu biex ifiehem kif jaħdmu t-teknoloġiji lil sħabu nkluż lill-Kap tiegħu stess, biex jiġbdu ħabel wieħed u mhux ixerdu l-misinformazzjoni u jiżirgħu l-biża’.












