 |
 |
 |
 |
Communications |
 |
 |
 |
 |
 |
 |
| |
Aktar investiment fis-settur agrikolu
|
|
Date:
20/11/2009
Waqt seminar organizzatt mill-MEUSAC fic-ċentru Nazzjonali tal-BOV ġew diskussi f’aktar dettal ħames miżuri oħra li jiffurmaw parti mill-pjan għal-iżvillupp rurali li fih pakkett ta’ €100 miljun.
Dawn il-ħames mizuri li bejniethom jammontaw għal €4 miljun, jikkonsistu: Mizura 124 - Għajnuna Għall-Iżvilupp ta’ Prodotti, Proċessi u Teknoloġiji Ġodda Fil-Biedja u Setturi tal-Ikel.
Din il-Mizura se toffri għajnuna għall-iżvilupp ta’ prodotti, proċessi u teknoloġiji ġodda fil-biedja u s-setturi ta’ l-ikel, bħal fost oħrajn l-akkwist ta’ “patent rights” u liċenzji, ix-xiri ta’ makkinarju u tagħmir ġdid għall-prodotti jew proċessi ġodda u l-iżvilupp ta’ “testing jigs” u “prototypes”.
Miżura 132 - Parteċipazzjoni tal-Bdiewa Fi Skemi Dwar Kwalità tal-Ikel.
Din se tħeġġeġ lill-bdiewa jipparteċipaw fi skemi dwar kwalita’ ta’ l-ikel u kif ukoll tipprovdi kumpens għall-ispejjeż relatati maċ-ċertifikazzjoni.,
Miżura 133 - Attivitajiet ta’ Informazzjoni u Produzzjoni Rigward Skemi ta’ Kwalità ta’ l-Ikel.
Din il-Mizura se tipprovdi għajnuna sabiex isiru attivitajiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni ta’ skemi ta’ kwalita’ ta’ l-ikel bħal “tasting events” u reklamar fuq il-media minn għaqdiet ta’ produtturi.
Miżura 142 Twaqqif tal-Għaqdiet tal-Produtturi.
Din hija ndirizzata għat-twaqqif ta’ għaqdiet tal-produtturi fis-setturi tal-ħalib, ġbejniet, majjal, fniek, tiġieġ, għasel, patata u dwieli ta’ l-inbid.
Miżura 111 - se toffri taħriġ u informazzjoni għall-bdiewa u raħħala biex itejbu l-kapaċitajiet tagħhom u b’hekk ikunu jistgħu jiġu ffaċċjati l-isfidi li jirriżultaw minn standards ġodda u l-esiġenzi ta’ l-ekonomija rurali.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali George Pullicino waqt id-diskors tal-ftuħ ta’ dan is-seminar sostna li element essenzjali sabiex l-agrikoltura Maltija timxi ’l quddiem huwa t-taħriġ. Illum il-ġurnata aktar minn qatt qabel qegħda tinħass il-ħtieġa li l-produtturi jaġġornaw ruħhom ma’ sistemi ta’ produzzjoni moderni, teknoloġija innovattiva u proċessi ġodda li jwasslu sabiex l-operat tal-bidwi u r-raħħal ikun aktar sostenibbli u ekonomikament vijabbli. Permezz tal-mizura 111 il-produttur jingħata taħrig minghajr ħlas fuq diversi temi li jirrelataw mal-obbligi li l-bidwi u r-raħħal għandhu josserva kif wkoll dwar kif itejjeb l-effiċjenza tal-operat tiegħu sabiex ikun aktar kompetittiv.
Il-Ministru Pullicino qal ukoll li l-bdiewa u r-raħħala Maltin qegħdin jinvestu sabiex itejbu l-operat u l-prodott tagħhom. It-talbiet u l-proposti mressqa mid-diversi setturi agrikoli huma xiehda ta’ kemm it-trasformazzjoni fl-agrikoltura Maltija qegħda fil-fatt iseħħ tant li għal miżura għat-titjib fil-faċilitajiet agrikoli l-investiment propost mill-bdiewa u r-raħħala kien jammonta għal €27 miljun. Din il-fiduċja fis-settur ġiet espressa wkoll mill-Gvern fil-budget li għadu kif tħabbar għas-sena li ġejja, fejn issemmew diversi miżuri u nċentivi sabiex ikompli jsir avvanz f’dan is-settur, sostna l-Ministru Pullicino.
Intant fid-diskors tal-għeluq tiegħu, is-Segretarju Parlamentari ghall-Konsultazzjoni Pubblika u Informazzjoni, Dr Chris Said, stqarr li Malta għandha metodi ta’ produzzjoni u tradizzjonijiet speċifiċi f’dak li ghandu x’jaqsam ma’ tkabbir ta’ prodotti agrikoli u l-konsumatur Malti qiegħed dejjem iżid l-interess tiegħu fil-kwalitajiet ta’ dan l-ikel. Għalhekk permezz tal- Pjan tal-Iżvilupp Rurali 2007-2013, Malta għandha rwol kbir biex tissalvagwardja l-kwalità tal-ikel b’diversi modi. It-tixrid ta’ informazzjoni permezz tal-MEUSAC dwar il-possibilitajiet ta’ għajnuna minn programmi Ewropej intiżi għas-settur agrikolu qed jagħmilha possibbli biex il-bdiewa u r-raħħala Maltin ikunu infurmati biżżejjed u konxji ta’ kif jistgħu jibbenefikaw minn dawn il-miżuri, kompla jgħid Chris Said. Hu għalaq id-diskors tiegħu billi rringrazzja lill-MEUSAC għax-xogħol tagħhom fejn qed jassistu lil diversi setturi tas-soċjetà f’dak li għandu x’jaqsam ma’ programmi varji tal-Unjoni Ewropea. |
|
|
|
| |
|
|
|
|
 |
 |
 |
|
|
|
 |
|
|
|
|