 |
 |
 |
 |
Communications |
 |
 |
 |
 |
 |
 |
| |
Aktar inċentiv biex jiġi sseparat l-iskart
|
|
Date:
01/04/2010
Wara numru ta’ konsultazzjonijiet ma’ korpi kostitwiti, u kif kien diġà mħabbar, il-Gvern irreveda t-tariffi ghar-rimi ta’ skart li daħlu fis-seħħ f’Ottubru 2009 għall Kunsilli Lokali u mil-lum din it-tariffa daħlet fis-seħħ għall-industrija privata u entitatijiet oħra li jiġġeneraw l-iskart. It-tariffi l-ġodda jinkludu żieda għal €20 għal kull tunnellata għal skart li jidħol fl-engineered landfill, kif ukoll tnaqqis għal €0.50 kull tunnellata għal dak l-iskart li jiġi sseparat u jittieħed fl-Impjant ta’ Sant’Antnin. Skart tad-djar li jista’ jmur ġo Civic Amenity Site (Centri ta’ Skart Goff) jista’ jibqa’ jittieħed f’dawn iċ-Ċentri mingħajr ħlas. Il-Wasteserv qed timplimenta l-kontrolli meħtieġa ħalli entitajiet kummerċjali ma jabbużawx minn dan is-servizz b’xejn.
Il-Gvern hu konxju mill-bżonn li l-engineered landfill isservi għall-akbar numru ta’ snin possibbli, u għalhekk sabiex ikun inkoraġġit aktar kull inizjattiva għas-separazzjoni tal-iskart, id-differenza fil-miżata kellha tiżdied biex jikber il-benefiċċju għal dawk kollha li jirriċiklaw l-iskart. Dan it-tibdil diġà żied b’mod sostanzjali l-inizjattivi li qed jittieħdu mill-Kunsilli Lokali sabiex jiġi sseparat l-iskart fil-lokalitajiet tagħhom. Il-Gvern għadu għaddej b’taħdidiet mar-rappreżentanti tal-kolletturi tal-iskart sabiex dawn ikunu jistgħu jarmaw il-vetturi tagħhom b’apparat illi jkun jista’ jiżen l-iskart fuq il-post. It-taħdidiet jinsabu fi stadju avvanzat u jidher li mhux ser idum ma jkun hemm qbil mal-Gvern.
Din il-miżura hija pass ieħor fid-direzzjoni mibnija fuq il-prinċipju li min iħammeġġ iħallas. Għalhekk dan it-tibdil fil-miżati jippremja lil min jagħmel l-isforz sabiex jissepara għax jiffranka l-flus, filwaqt li jkun qed jipproteġi l-ambjent. Dan it-tibdil għandu jwassal ukoll biex jitnaqqas l-amont ta’ skart li jmur fl-engineered landfill, li qed jiswa lill-WasteServ €30 kull tunnellata biex jiġi mmaniġġjat skont l-obligi tad-direttivi u jkollu moniteraġġ għal perjodu ta’ madwar 30 sena. Dan l-infiq ġej mill-fatt li l-iskart m’għadux sempliċiment jintefa f’ħofra u jintradam bil-konsegwenza li ssir aktar ħsara lill-ambjent. L-infiq neċessarju biex umbagħad titratta l-iskart wara li tkun saret il-ħsara jkun akbar. Dan qed iseħħ illum fejn qed jintefqu miljuni kbar sabiex tkun riabilitata l-Magħtab, il-Qortin, kif ukoll il-mizbla magħluqa li tinsab f’Wied il-Għajn. |
|
|
|
| |
|
|
|
|
 |
 |
 |
|
|
|
 |
|
|
|
|