 |
 |
 |
 |
Communications |
 |
 |
 |
 |
 |
 |
| |
Ħidma tal-Gvern Favur l-Annimali
|
|
Date:
12/04/2010
Dalgħodu l-Ministru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali, George Pullicino żar id-Dipartiment għall-ħarsien xieraq tal-annimali f’għeluq is-sentejn mit-twaqqif ta’ dan id-dipartiment. Il-Ministru Pullicino saħaq li qatt daqs l-aħħar snin dan is-settur ma ngħata daqstant importanza u għarfien.
Waqt din il-konferenza tal-aħbarijiet ingħata rendikont dwar il-ħidma ewlenija u s-suċċessi diġa miksuba minn dan id-dipartiment. Minn Jannar ta’ din is-sena kemm ilha topera l-ambulanza tal-annimali wara li s-sena l-oħra twettaq proġġett pilota, sal-bidu t’April, l-Ambulanza ġiet mgħajta għal 500 każ. Hija ħasra li għal 50 darba l-ambulanza ġiet mgħajta għal xejn. Minn naħa l-ohra huwa ta’ sodisfazzjon li madwar 30% tal-klieb salvati qed isibu familja li tilqagħhom f’darhom. Id-dipartiment matul dawn l-ewwel xhur tas-sena wettaq 50 missjoni ta’ salvataġġ fejn il-klieb u l-qtates wara li ġew salvati reġgħu ngħataw lura lil sidhom. Id-Dipartiment kontinwament jieħu ħsieb li janalizza u jispezzjona b’kollaborazzjoni mal-Pulizija kull każ li jkun rappurtat ta’ moħqrija tal-annimali. Kemm ilu mwaqqaf id-Dipartiment saru ‘l fuq minn 1,000 spezzjoni f’pet shops, irziezet, santwarji u fi djar privati, ħafna minnhom wara rapporti ta’ moħqrija. Bl-infurzar li qed isir mill-Ispetturi tad-Dipartiment sal-lum ittieħdu, jew se jittieħdu, passi kriminali kontra 25 persuna li allegatament wettqu xi forma ta’ moħqrija fuq annimali. Kemm ilu mwaqqaf dan id-dipartiment saret ukoll kampanja għan-neutering ta’ l-annimali tat-triq. Permezz ta’ dan il-proġett ġew trattati aktar minn 2,000 kelb u qattus tat-triq. Dan huwa l-aħjar mod kif ikun ikkontrollat it-tixrid ta’ aktar annimali fit-triq bl-abbuzi kollha li dan iġib miegħu. Dan sar b’investiment ta’ ‘l fuq minn €200,000. Il-Ministru Pullicino ħabbar li se tibda kampanja sabiex klieb tat-tip 'Pit Bull' u razez simili jiġu kollha micro-chipped. B'hekk is-sid tagħhom ikun dejjem jista’ jiġi rintraċċat. Dan għandhu jidħol b'obbligu legali fuq is-sidien ta' dawn it-tip ta' klieb u b’hekk id-dipartiment ikun jista’ jżomm database ta’ dawn il-klieb u s-sidien tagħhom. Il-Direttorat jinsab f’kuntatt kontinwu u jaħdem mill-qrib mal-għaqdiet mhux governattivi u jservi wkoll ta’ assistenza fix-xoghlijiet li jkunu jenħtieġu li jsiru partikolarment fis-santwarji. Il-Ministru Pullicino irringrazzja lill-volontiera kollha ta’ dawn l-għaqdiet li jaħdmu bla heda b’risq il-ħarsien tal-annimali. Il-Ministru Pullicino semma wkoll li l-proġett tal-bini ta’ after care centre għall-annimali li għaddej bħalissa f’Ta’ Qali, miexi b’ritmu tajjeb sabiex aktar tard din is-sena jibda jopera. Il-Ministru Pullicino ħabbar ukoll li qed isir xogħol fuq interactive web site biex il-xogħol ta' dan id-dipartimnt isir aktar magħruf mill-publiku u jkun hemm facilita' li min jixtieq jaddotta klieb jew qtates miġbura mid-Dipartiment, ikun faċilitat. Il-Ministru Pullicino irringrazzja lill-istaff kollhu tad-Dipartiment li jaħdmu b'armonija għax ilkoll għandhom għan wieħed li jgħinu u jħarsu l-annimali. |
|
|
|
| |
|
|
|
|
 |
 |
 |
|
|
|
 |
|
|
|
|