 |
 |
 |
 |
Communications |
 |
 |
 |
 |
 |
 |
| |
Miżuri konkreti favur il-protezzjoni tal-klima
|
|
Date:
15/05/2010
"Is-soċjeta’ Maltija, speċjalment il-ġenerazzjoni żagħżugħa, hija aktar infurmata u jinteressaha mill-ambjent u għalhekk l-aspettativi ambjentali qegħdin dejjem jogħlew. Dan jawgura tajjeb għal soċjeta’ li tkun dejjem aktar lesta li tieħu miżuri favur l-ambjent." Dan qalu l-Ministru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali George Pullicino f’messaġġ fl-okkażjoni tal-Jum Dinji ddedikat għall-Ħarsien tal-Klima li jiġi mfakkar illum. Pullicino qal li dan l-għarfien akbar li hawn illum fuq l-ambjent mhux b’kumbinazzjoni meta wieħed jiftakar fl-investiment u l-importanza li tajna lill-ambjent u lill-edukazzjoni ambjentali fl-aħħar snin.
Pullicino fakkar kif illum aktar minn mitt skola ssieħbu fl-inizjattiva Eko-Skola, li hija forum mill-aqwa biex tipprepara lill-ġenerazzjoni li tiela’ fuq materji ambjentali ta’ importanza kbira.
"Il-livell ta’ tħejjija li nara fost tfal u studenti huwa impressjonanti u jiżboq anke l-livell ta’ tħejjija f’ċertu oqsma tas-soċjeta’ u tal-pajjiż. Irridu naħdmu aktar biex nilħqu l-aspettativi ta’ din l-udjenza attenta li taf li d-deċiżjonijiet li rridu nieħdu llum se jfissru l-kwalita’ tal-ambjent li se jikbru u jgħixu fih huma", tenna l-Ministru Pullicino waqt żjara fl-iskola Our Lady Immaculate fil-Ħamrun biex tfakkar dan il-Jum.
L-isfidi tat-tibdil fil-klima huma fost l-aktar urġenti u importanti li għandha quddiemha d-dinja llum u allura ma jistax jonqos li anke l-miżuri li għandhom jittieħdu jridu jidħlu fis-seħħ fil-ħin. Pajjiżna llum għandu Strateġija dwar il-Miżuri ta’ Mitigazzjoni għat-Tibdil fil-Klima u jinsab f’fażi avvanzata li jkollu wkoll Strateġija dwar il-Miżuri ta’ Addattazzjoni li jibni fuq l-ewwel dokument.
Dawn l-Istrateġiji jipprovdu l-qafas tal-azzjonijiet konkreti li f’ħafna każi ġa bdew jittieħdu minn pajjiżna. Biżżejjed insemmu l-egħluq tal-miżbliet mhux ikkontrollati u l-proċess ta’ rkupru ta’ gass ħażin li joħroġ minnhom u r-riabilitazzjoni tagħhom; in-numru kbir ta’ skemi ta’ għajnuna biex aktar individwi u kumpaniji jitħajru jinvestu f’apparat li jiġġenera l-enerġija minn sorsi nodfa; l-istudji li qed isiru biex pajjiżna jkollu windfarms kemm fuq l-art kif ukoll fil-baħar; l-inizjattiva tal-Gvern biex bini pubbliku jinkesa b’apparat li jiġġenera l-enerġija minn sorsi nodfa; ir-riforma tat-trasport pubbliku li għandha tagħmilha aktar attraenti li wieħed juża mezzi tat-trasport pubbliku; investiment massiċċ, minn fondi Ewropej u nazzjonali, f’impjanti li jiġġeneraw l-enerġija mill-iskart; investiment f’titjib fil-prattiċi fil-biedja u fil-bdiewa u r-raħħala; u l-inizjattivi favur is-sostenibbilita’ tal-ilma tal-pjan.
Il-Ministru Pullicino awgura li rikorrenza bħal din twassal biex aktar nies jifhmu l-ħtieġa li l-ambjent huwa ta’ kulħadd u li jrid ikun hemm sforz minn kulħadd biex niżguraw futur aħjar u sostenibbli għalina u għall-ġenerazzjonijeit futuri. Fuq kollox, il-Ministru Pullicino awgura li jkun hemm tibdil fl-attitudni u fil-konsum ta’ kull wieħed u waqħda minnha għax b’hekk biss nilħqu l-miri li għandu quddimeu pajjiżna. |
|
|
|
| |
|
|
|
|
 |
 |
 |
|
|
|
 |
|
|
|
|