 |
 |
 |
 |
Communications |
 |
 |
 |
 |
 |
 |
| |
Il-Qortin: Spazzju rikreattiv u arja nadifa
|
|
Date:
20/05/2010
Illum il-Ministru għal Għawdex l-Onor. Giovanna Debono flimkien mal-Ministru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali George Pullicino żaru l-Qortin ftit jiem biss wara li l-MEPA, approvat il-permess għar-Riabilitazzjoni tal-Qortin.
Is-CEO tal-kumpanija Wasteserv Vince Magri tkellem dwar l-avvanz li diġà sar kemm ilu magħluq dan is-sit. Huwa spjega li issa li nħareġ il-permess tar-riabilitazzjoni tal-Qortin ser jinbdew ix-xogħlijiet sabiex dan is-sit jinbidel f’post rikreattiv u avventuruż għall-familja kollha, b’logħob innovattiv kemm għat-tfal kif ukoll għall-kbar kif ukoll postijiet fil-miftuħ sabiex jitgawdew il-veduti sbieħ li dan il-post joffri. Il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono sostniet li t-tkomplija tal-proċess ta’ riabilitazzjoni tas-sit tal-Qortin, huwa pass konkret fl-impenn tal-gvern biex Għawdex jilħaq miri ta’ żvilupp sostenibbli. “Dik li kienet l-akbar ġerħa ambjentali tal-gżira ta’ Għawdex, se tinbidel f’sit ta’ sbuħija naturali, li jista’ joffri rikreazzjoni għall-familji kollha,” żiedet tgħid il-Ministru Debono. Hija semmiet kif permezz ta’ kollaborazzjoni ma’ l-MRRA u l-WasteServ, il-Ministeru għal Għawdex huwa impenjat fi proġetti ambjentali oħrajn bħal ma huma t-twaqqif tas-Civic Amenity Site, Waste Transfer Station u proġetti oħra ta’ afforestazzjoni. Dan ankè fl-ambitu ta’ ħidma oħra biex jiġu milħuqa l-objettivi fil-kuntest tal-viżjoni eko-Għawdex.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali George Pulliicno, sostna li dan huwa pass ieħor fi twettieq ta’ wegħda elettorali oħra, sabiex il-miżbliet il-magħluqa jkunu riabilitati u mgħoddija lura lin-nies fi spazju miftuħ għar-rikreazzjoni tal-familji Maltin u Għawdxin. Il-Ministru Pullicino żied jgħid li permezz tal-kumpanija Wasteserv għaddej ix-xogħol sabiex jiġu estratti l-gassijiet ħżiena. Għaldaqstant ġie nstallat impjant b’investiment ta’ ‘l fuq minn €1 miljun li sa llum tratta ‘l fuq minn 340 tunnellata ta’ gass Carbon Dioxide (diossidu tal-karbonju - CO2).
Ir-riabilitazzjoni tal-Qortin qed issir b’investiment ta’ madwar €3.5 miljuni kofinanzjati minn fondi Ewropej. Permezz tar-riabilitazzjoni tal-miżbliet il-magħluqa l-poplu jgawdi minn spazju miftuħ għar-rikreazzjoni u arja aktar nadifa.
DOI – 20.05.2010 |
|
|
|
| |
|
|
|
|
 |
 |
 |
|
|
|
 |
|
|
|
|