 |
 |
 |
 |
Communications |
 |
 |
 |
 |
 |
 |
| |
Direttorat għas-saħħa tal-pjanti: Palm li jintuża mis-sajjieda
|
|
Date:
21/07/2010
Peress li s-siġra tal-palm għandha ħafna użu minbarra t-tisbieħ tal-ambjent u hija tradizzjoni komuni li tintuża l-ispeċi Phoenix fl-industrija tas-sajd, id-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti qed joħroġ dan l-avviż.
Fix-xahar ta’ Awissu huwa komuni ħafna li s-sajjieda jaqtgħu diversi friegħi tal-palm, biex jintużaw għall-kannizzati bħala kenn għall-lampuki. Qtugħ ta’ friegħi tal-palm għandu jkun segwit bi trattamenti preventivi kontra l-Bumunqar Aħmar tal-Palm, billi jintużaw insettiċidi u taħlita li tgħatti l-ferita fil-palma, peress li l-Bumunqar Aħmar tal-Palm iħobb ibid f’qatgħat friski fil-palma.
Peress li l-Canary Palm (Phoenix canariensis) hija waħda mill-iktar speċi suxxettibli għal dan l-insett, attenzjoni speċjali għandha tingħata lil din il-palma. Din hija l-ikbar fost il-palm u għandha friegħi ħodor skuri, b’xewk ippuntat.
Malta, bħal pajjizi oħra fl-Ewropa għandha problema bil-Bumunqar Aħmar tal-Palm (Rhynchophorus ferrugineus); dan għandu ħabta jtaqqab il-palma u kapaċi joqtol il-palma fi ftit żmien, u kapaċi wkoll itir distanzi twal. Huwa importanti li min juża friegħi tal-palm għas-sajd għandu għandu jiżgura li dawn jiġu minn palm li mhux infettat bil-Bumunqar aħmar biex titnaqqas il-firxa ta’ dan l-insett.
Il-friegħi għandhom jinqatgħu qosra kemm jista’ jkun biex nevitaw li nużaw biċċiet infettati li normalment ikunu fil-parti t’isfel tal-fergħa. Il-parti t’isfel tal-fergha li tkun inqatgħet għandha titgħatta b’taħlita taż-żabra. Min-naħa l-oħra, il-palma li minnha ittieħdu l-friegħi għandha tkun mibxuxa b’insettiċida adattat. Dan it-trattament għandu jiġi ripetut għal tliet darbiet konsekuttivi biex is-siġra tkun protetta bl-aħjar mod.
Biex tiġi kkontrollata l-firxa ta’ dan l-insett qerriedi, friegħi tal-palm li jkunu se jintużaw mis-sajjieda għadhom jinġabru min post komuni, fejn il-qtugħ tal-friegħi ikun ikkontrollat.
F’Malta dawn il-friegħi għandhom jinġabru mill-ELC, prinċipalment f’Wied Inċita, filwaqt li Għawdex jinġabru mis-Sezzjoni tal- Afforestazzjoni, wara li persuni interessati jippreżentaw irċevuta maħruġa mill-Fisheries Section f’Għawdex.
Biex nieħdu ħsieb din il-problema id-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti jitlob lill-persuni involuti f’dawn l-attivitajiet biex jikkoperaw. Persuni involuti għandhom jimxu ma’ Legal Notice 42 tal-2009, Plant Quarantine Act (Cap 433) Control of the Red Palm Weevil Regulations, 2009, u gwidi rispettivi, bħal mhu stipulat f’regola 8 u 6 (6) fejn iż-żabra u attivita simili fuq pjanti suxxettibli, għandha dejjem issir taħt supervizjoni tad-Direttorat li jagħti istruzzjonijiet dwar dan il-qtugħ ta’ friegħi.
Attivita bħal din ma tistax issir jekk ma jkunx hemm approvazzjoni bil-miktub mid-Direttorat, mhux inqas minn ħmistax il-ġurnata qabel tkun se ssir iż-żabra jew attivita’ simili.
Infestazzjoni bħal din tista’ tiġi kkontrollata biss jekk il-persuni kollha jagħmlu l-parti tagħhom.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jikkuntattja lid-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali fuq numru 23397100.
DOI – 21.07.2010
|
|
|
|
| |
|
|
|
|
 |
 |
 |
|
|
|
 |
|
|
|
|