 |
 |
 |
 |
Communications |
 |
 |
 |
 |
 |
 |
| |
Qatt daqs illum ma hu qed isir investiment fis-settur agrikolu
|
|
Date:
25/07/2010
Bil-kontra ta’ dak li qal il-Kap tal-Oppozizzjoni qatt daqs illum ma hu qed isir investiment fis-settur agrikolu. L-investiment li qed isir ġej kemm bis-saħħa tal-fondi tal-Unjoni Ewropea, fondi tal-Gvern Malti kif ukoll mill-bdiewa u r-raħħala nfushom fis-settur innifsu. L-għajnuniet finanzjari li qed jingħataw bħala parti mill-programm għall-iżvillupp rurali li jikkonsisti f’100 miljun ewro, joffru ħafna drabi sa nofs l-ispiża. Il-bidwi u r-raħħal stess għaliex għandhom fiduċja fihom infushom, fis-settur u f’pajjiżna qed jinvestu wkoll bl-appoġġ ta’ diversi skemi u fondi. Il-Kap tal-Oppozizzjoni dal-għodu ma esprimiex l-istess fiduċja f’dan is-settur, fil-bdiewa u fir-raħħala.
Il-fatt li ħafna bdiewa u raħħala qed jinvestu juri b’mod ċar li huma stess għandhom fiduċja fis-settur minkejja li għal darb’oħra qed jisimgħu lill-Opposizzjoni tbeżża’ u taqta’ qalb il-bdiewa u r-raħħala tagħna l-istess bħalma kienet tagħmel qabel is-sħubija fl-Unjoni Ewropea.
Il-Kap tal-Oppozizzjoni fid-diskors tiegħu ta’ dalgħodu żbalja wkoll meta qal li l-Gvern qata’ qalbu mil-pitkalija. Jidher ċar li l-Kap tal-Oppozizzjoni mhux jifhem dak li ħabbar il-Gvern ftit tal-ġranet ilu dwar is-suq tal-bdiewa, u lanqas ma qara l-istqarija tal-Onor Joe Sammut fejn faħħar l-inizzjattiva tal-Gvern. Il-Kap tal-Oppozizzjoni Joseph Muscat u l-kelliem dwar il-biedja Joseph Sammut jew qed jikkontradixxu lil xulxin jew inkella l-Kap tal-Oppozizzjoni ma jaqbilx ma’ dak li qal id-deputat ta’ l-Oppozizzjoni.
Fi stqarrija maħruġa din il-ġimgħa stess il-Ministeru qal bl-aktar mod ċar li is-suq fejn il-bdiewa jbiegħu dirett lill-konsumaturi bl-ebda mod ma qed iservi sabiex tissostitwixxi r-riforma bżonjuża li trid issir fil-Pitkalija
Kif intqal diversi drabi anki pubblikament, ir-riforma tal-pitkalija qed issir b’konsultazzjoni mal-għaqdiet tal-bdiewa u dawk involuti. Il-Gvern qed janalizza l-proposti u fil-ġimgħat li ġejjin se jkun qed iressaq il-proposta finali għar-riforma fil-pitkalija. Il-Kap tal-Oppozizzjoni injora li fil-Budget għal din is-sena ġew allokati €300,000 għat-titjib fl-infrastruttura tal-Pitkalija biex jitjiebu l-kundizzjoni tax-xogħol ta’ min jaħdem hemm filwaqt li niżguraw standards ogħla għall prodotti li jgħaddu minn dak is-suq.
Kif irrefera wkoll dalgħodu l-Kap tal-Oppozizzjoni s-sussidju fuq il-frott u l-ħaxix għal matul il-perijodu Lulju/Dicembru tal-2008 tħallas fil-jiem li għaddew. Dan minħabba li sar proċess rigoruż ta’ kontrolli u verifiki. Issa qed jinħadmu wkoll is-sussidji tal-2009, li l-bdiewa ser jirċievu fil-futur qarib.
Il-Kap tal-Oppozizzjoni dalgħodu rrefera wkoll għall-iskart tal-annimali. Kif intqal aktar kmieni din il-ġimgħa, l-irwejjaħ kien dovut ghall-fatt li l-impjant twaqqaf għal manutenzjoni pjanata. Din mhix xi ħaġa ta’ kull jum. Dan il-materjal ħafna minnu qabel kien jintrema l-miżbla, liema miżbla llum ingħalqet minkejja li l-Oppozizzjoni kienet kontra l-pjan tal-Gvern għall-għeluq ta’ din il-mizbla u riditha miftuħa għal aktar snin. L-iskart tal-annimali li jkun se jiġi trattat fl-inċineratur qed jinżamm f’cold stores temporanji li l-WasteServ qed tipprovdi f’temperaturi u proċeduri stabbiliti, sakemm jitwettaq ukoll żvilupp ta’ cold stores oħra permanenti.
Il-Kap tal-Oppozizzjoni għandu jgħid x’sar minnu l-kumitat ta’ esperti li ‘l fuq minn sena ilu qal li waqqaf sabiex jagħmel proposti li kellhom jingħaddew f’dibattitu parlamentari fuq l-istrateġija dwar l-iskart. Minkejja li għaddiet aktar minn sena u d-dibattitu parlamentari sar, l-Oppozizzjoni ma ħarget bl-ebda proposta.
Dal-għodu l-Kap tal-Oppozizzjoni qal li f’Marsaxlokk mhu qed isir xejn. Dan hu żball ieħor. F’Marsaxlokk biss il-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali wettaq il-proġett ta’ fejda għas-sajjieda dak tal-hard standing facility, qed jinvesti 2 miljun ewro f’proġett ta’ tisbiħ tal-promenade tal-istess lokalita’, beda t-tħejjijiet neċċesarji għax-xogħol marbut mal-breakwater, u qed issir ħidma sabiex sa Diċembru ta’ din is-sena jinfetaħ iċ-ċentru ta’ Xrobb l-Għaġin kif ukoll qed isir xogħol sabiex f’Delimara jkun hemm ukoll Park Nazzjonali għar-rikreazjoni tal-familji. Park ieħor għall-familji ser ikun f’Wied il-Għajn. Dan juri b’mod mill-aktar ċar kemm il-Kap tal-Oppozizzjoni jitkellem bla ma jkun ivverifika l-fatti u jagħżel li jwarrab dak kollu li hu pożittiv. |
|
|
|
| |
|
|
|
|
 |
 |
 |
|
|
|
 |
|
|
|
|