Government Logo
Ministry for Rural Affairs and the Environment Ministry for Rural Affairs and the Environment Logo: Featuring Windmill with Fish, Leaf, Bird and Drop
Home | The Ministry | Laws & Treaties | Initiatives | Statistics | Fact File | Links | Downloads | Contact Us
Press Releases | Archived Press Releases | News | Archived News | Speeches | Opinion Point | Photo Archive
* * *
* Communications * » Speeches *
* * *
* * *
 
DISKORS MILL-ONOR. GEORGE PULLICINO, MINISTRU GĦALL-AFFARIJIET RURALI U L-AMBJENT WAQT IL-FTUĦ TAL-HOME EXHIBITION – TA’QALI – IL-ĦAMIS, 29 TA’ NOVEMBRU 2007
Date: 29/11/2007

M’hemmx dubju li waħda mill-karatteristiċi tagħna l-Maltin hija l-għożża li għandna lejn djarna. Ma nafx jekk din il-karatteristika hix ġejja indirettament mill-importanza li nagħtu lill-familja fis-soċjetà tagħna, jew hux minħabba li għal ħafna minna d-dar tagħna hija l-akbar investiment li qatt ser inkunu għamilna matul ħajjitna – kemm biex nixtruha, kif ukoll biex narmawha sabiex inkunu nistgħu ngħixu komdi ġo fiha.

Jidher li l-passjoni tal-Maltin lejn darhom ser tibqa’ ħajja aktar minn qatt qabel. Iċ-ċensiment tas-sena 2005 wera li 75.2 fil-mija tal-popolazzjoni tgħix f’dar li hija propjetà tagħha. Din il-figura ilha tiżdied b’mod kostanti għal għexieren ta’ snin għalkemm jidher li r-rata ta’ żieda battiet sew bejn l-1995 u l-2005, forsi minħabba iż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-propjetà li kien hemm f’dan il-perjodu.

Statistika oħra li ħarġet mill-istess ċensiment kienet iż-żieda fl-ammont ta’ propjetà vojta fl-aħħar għaxar snin. Fl-1995, 23% tal-propjetà kollha kienet vojta, filwaqt li fl-2005 din telgħet għal 27.6%.

Ta’ min jgħid li Malta m’hix l-uniku pajjiż fl-Unjoni Ewropea li għandu proporzjoni qawwija ta’ propjetà vojta. Il-Portugall għandu 29.5% u l-Greċja saħansitra 35.4%.

Iżda ta’ min janalizza ftit aktar mill-viċin din l-istatistika. Kważi 20% huma postijiet ta’ vakanza filwaqt li 25% mill-postijiet vojta huma fi stat ħażin u jeħtieġu jiġu rranġati jew saħansitra żviluppati mill-ġdid. Għaldaqstant meta wieħed jara l-ammont totali ta’ propjetà vojta, effettivament isib li hemm nofs l-ammont available fuq is-suq.

Il-fatt li proporzjon sostanzjali mill-postijiet vojta li hawn f’pajjiżna huma fi stat ħażin, kif ukoll it-tendenza li siti jew postijiet bħal dawn jiġu żviluppati mill-ġdid qed twassal biex il-parti l-kbira ta’ l-iżvilupp f’pajjiżna iseħħ f’żoni abitati. Dan jiġi ikkonfermat anke minn statistika ta’ l-Unjoni Ewropea dwar ir-rata ta’ tkabbir fiż-żoni żviluppati fl-aħħar għaxar snin (jew aħjar l-urban sprawl). Fejn il-medja fil-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea hija 5.0%, f’Malta din hija biss 0.8%.

Kien minħabba f’hekk illi aktar kmieni dan ix-xahar daħlu fis-seħħ ir-regolamenti ġodda għall-immaniġġjar ta’ siti ta’ kostruzzjoni. L-għan ewlieni ta’ dawn ir-regolamenti huwa li jitnaqqas l-impatt ambjentali li jkollha l-industrija tal-kostruzzjoni fuq l-abitanti li jgħixu madwar l-iżvilupp, dawn indirettament ser jgħinu biex titjieb il-perċezzjoni li l-pubbliku għandu dwar l-industrija tal-kostruzzjoni u l-industriji anċillari tagħha li huma rappreżentati fl-esibizzjoni li qed ninawguraw illum.

Fl-aħħar xahar saru mal-200 spezzjoni formali minn uffiċjali tal-MEPA fuq siti ta’ kostruzzjoni biex jiġu infurzati dawn ir-regolamenti ġodda u jidher ċar li l-għan tagħhom mhux biss qed jintlaħaq, iżda anke jinftiehem minn dawk li qed jintlaqtu minnhom.

L-ambjent dejjem kien fuq nett fl-aġenda tal-Gvern. Prova ta’ dan kienu l-miżuri li tħabbru fl-aħħar snin biex jistimulaw ix-xiri t’apparat tad-dar li jaħli anqas enerġija, u għalhekk iħammeġ anqas. Il-fatt li fl-aħħar 11-il xahar kien hemm mal-4,300 applikazzjoni għal refunds fuq apparat bħal dan huwa xhieda ta’ l-impenn tal-Gvern f’dan il-qasam.

Huwa għalhekk ta’ pjacir kbir għalija ninnota rappreżentanza qawwija ta’ esibituri ta’ white goods li huma energy-efficient, kif ukoll ta’ solar water heaters u apparat li jiġġera l-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Dan huwa xhieda li l-konsumatur ukoll qed jibda japprezza li apparat bħal dan mhux biss inaqqas l-ispejjeż tiegħu, iżda qed jasal jifhem li b’investiment relattivament kontenut, hu wkoll jista’ jagħti l-kontribut tiegħu biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra li qed iwasslu għat-tibdil fil-klima.

Grazzi talli qed tgħinu lill-konsumatur tal-lum iżomm l-ambjent quddiem għajnejh meta jagħżel x’jixtri.
 

 
*
search
 
Forthcoming Events

Animal Ambulance for abandoned animals
24 hour free service - 21224001

Tree For You Campaign
Cempel fuq 22952333

*
*
 
 
Links
* *
 
 
 
 
 
 
 
 
 
 
 
 
 
 
 
 
 
 
 
 
   
 
Copyright 2004, Ministry for Rural Affairs and the Environment, Government of Malta * Web Design by Think Design