 |
 |
 |
 |
Communications |
 |
 |
 |
 |
 |
 |
| |
|
NCSD - Diskors ta’ l-egħluq mill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino |
Date:
24/04/2004
Ippermettuli nibda dan id-diskors tiegħi b’ringrazzjament lil kull min ta s-sehem tiegħu biex din il-konferenza kienet waħda suċċess u laħqet l-għanijiet li għalihom kienet organizzata, fosthom li tippromwovi parteċipazzjoni mill-aktar wiesa’ tal-popolazzjoni fit-tfassil ta’ strateġija għall-iżvilupp sostenibbli tal-gżejjer Maltin. Madanakollu, il-konferenza ta’ llum kienet biss il-bidu ta’ proċess konsultattiv u aktar attivitajiet huma ppjanati għaż-żmien li ġej.
Dan il-proċess konsultattiv u parteċipattiv se jkompli. Il-pass li jmiss hu li se jsiru numru ta’ laqgħat settorjali u tematiċi, bil-ħsieb li jkollna wkoll is-sehem tal- gruppi l-aktar importanti tal- stakeholders ta’ pajjizna. Il-pjan tal-Gvern hu li aktar tard din is-sena ssir konferenza nazzjonali oħra li sservi biex tagħlaq dan il-proċess. Dan ma jfissirx li din l-istrateġija ma jkunx jista’ jsir aktar tibdil fiha, imma fi tmiem il-proċess li ma għandux itawwal aktar minn tmiem din is-sena, għandu jkun ippublikat l-ewwel dokument b’istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli ta’ pajjiżna, li jkun adottat mill-Gvern u jservi bħala gwida fit-tfassil ta’ policies u t-teħid tad-deċiżjonijiet. Il-ħsieb tal-Gvern hu li jkun hemm reviżjoni regolari ta’ l-istrateġija nazzjonali.
Ikun tajjeb li nfakkru fil-vantaġġi ewlenin ghal pajjiżna minn strateġija għall-iżvilupp sostenibbli. L-ewwelnett, id-dokument finali għandu jservi biex jinforma u jiggwida lil kull min ifassal policies f’pajjiżna, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll fis-settur privat, u eventwalment irid iwelled struttura għall-ippjanar ta’ żvilupp sostenibbli.
Vantaġġ ieħor għandu jkun li l-istrateġija tagħna tkun tindirizza materji ta’ natura soċjali, ekonomiċi u ambjentali b’mod integrat. Din l-istrateġija fil-fatt għandha tara li l-għan aħħari jkun kwalita’ ta’ għixien aktar għoli għall-persuni. Din l-istrateġija għandha sservi wkoll biex ikunu identifikati miri u azzjonijiet speċifiċi u jkun hemm pjan għall-implimentazzjoni tagħhom fi żmien stipulat.
Barra minn hekk, il-proċess li għandu jwassal għat-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija għandu wkoll iwassal għall-atmosfera ta’ aktar parteċipazzjoni u esperjenzi edukattivi.
Il-kwalita’ tal-ħajja tiddependi wkoll minn dawn il-fatturi kollha f’daqqa u mhux minn wieħed indipendenti mill-ieħor.
B’hekk l-istrateġija tirrikjedi ħarsa fit-tul lejn l-iżvilupp u għandha tagħti importanza kbira lill-ħarsien tan-natura, opportunitajiet ta’ xogħol u ta’ edukazzjoni. L-iżvilupp ekonomiku għandu jkun ippjanat u mfassal fi struttura li tirrispetta l-bżonnijiet u l-kapaċitajiet ta’ prioritajiet ambjentali u ta’ konservazzjoni.
Certament li waħda mill-prioritajiet huwa l-qasam tal-energija u l-impatt fuq il-klima u l-ambjent. Hu bi pjaċir għalija li nħabbar li f’qasir żmien Malta għandha tissottometti lin-Nazzjonijiet Uniti, pjan ta’ direzzjoni li għandna nadottaw fis-snin li ġejjin biex Malta wkoll tagħti sehemha fit-titjib tal-klima tad-dinja. Għal dan il-għan, fil-jiem li ġejjin se jkun pubblikat dokument li jinkludi fih dawn il-miżuri.
Madanakollu, żvilupp sostenibbli mhux biss kwistjoni ambjentali, iżda jmur id f’id ma’ żviluppi oħrajn li jkunu qed iseħħu fil-pajjiż. Id-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropeja se jgħin biex dan l-iżvilupp ekonomiku u soċjali, u t-tħaris ambjentali jkun jista’ jsir fi żmien iqsar u b’għajnuna finanzjarja.
Il-parteċipazzjoni pubblika hi importanti għal żewġ għanijiet ewlenin. L-ewwelnett, il-pubbliku għandu d-dritt li jipparteċipa f’diskussjoni li se taffettwa l-ħajja tiegħu, kemm lokali kif ukoll internazzjonali. Il-parteċipazzjoni pubblika hija wkoll importanti għaliex deċiżjonijiet li jittieħdu wara diskussjoni pubblika jirriflettu aħjar l-interess u l-bżonnijiet tas-soċjeta’ li tagħmilhom u allura jkunu wkoll eħfef biex jiġu implimentati.
Iżda, aktar importanti minn hekk, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid tad-deċiżjonijiet huwa fattur essenzjali ta’ żvilupp sostenibbli. Id-Dikjarazzjoni ta’ Rio de Janeiro, fejn sar l-Ewwel Summit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli, tgħid li kwistjonijiet dwar żvilupp sostenibbli għandhom ikunu diskussa mal-popolazzjoni konċernata, u dawn għandu jkollhom l-informazzjoni meħtieġa u l-opportunita’ biex jipparteċipaw f’dan il-proċess.
Aġenda 21 tan-Nazzjonijiet Uniti tenfassizza l-bżonn li jkun hemm parteċipazzjoni mill-aktar wiesa’ u aktar riċenti, fl-aħħar Summit Dinji dwar Żvilupp Sostenibbli li sar f’Johannesburg dan il-kuncett ġie kkonfermat u msaħħaħ.
Malta hi firmatarja tal-konvenzjoni ta’ Aarhus li tigarantixxi aċċess għall-informazzjoni, parteċipazzjoni tal-pubbliku u aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali. Bid-dħul fl-Unjoni Ewropea, Malta se taddotta wkoll id-Direttiva numru 90/313 dwar Freedom of Access to Information on the Environment (Ħelsien għall-Aċċess ta’ Informazzjoni dwar l-Ambjent).
Id-Dimensjoni Etika hija aspett importanti ta’ żvilupp sostenibbli, (kif qal tajjeb Francesco La Camera dalgħodu) li, madanakollu, mhux dejjem tingħata l-attenzjoni u l-importanza li jixirqilha. Sostenibbilita’ hi bbażata fuq valuri u mhux biss fuq benefiċċji materjali u dawn mhumiex f’kunflitt ma’ xulxin.
Għaldaqstant, il-kwistjoni tar-responsabbilta’ tagħna favur ġenerazzjonijiet futuri tieħu importanza akbar.
Hemm ukoll kunsiderazzjonijiet etiċi relatati max-xjenza u t-teknoloġija għaliex dawn għandhom impatt kbir fuq sostenibbilta’. Huwa importanti li żviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi jkollhom, bħala għan ewlieni, it-titjib fil-kwalita’ tal-ħajja tal-popolazzjonijiet ta’ llum, mingħajr ma jikkompromettu dik ta’ ġenerazzjonijiet futuri.
L-etika għandha wkoll rwol importanti fil-promozzjoni u t-tixrid ta’ tagħrif u fil-parteċipazzjoni tal-partijiet konċernati f’dan il-proċess. Ir-relazzjoni bejn żvilupp sostenibbli u materji oħra bħalma huma l-informazzjoni, trasparenza u parteċipazzjoni hija bbażata fuq etika, u dan il-process huwa mportanti qed irridu naslu sabiex kull min hu konċernat jagħmel għażliet infurmati u mhux spekulattivi.
Id-dimensjoni etika ta’ żvilupp sostenibbli tista’ tinġabar fil-kelma ‘responsabbilta’’ u din għandha x’taqsam ma’ kwalita’ ta’ l-ambjent, l-użu ta’ riżorsi ekonomiċi, edukazzjoni, kultura u politika internazzjonali.
Bħala politiku, irrid nenfasizza d-dimensjoni politika ta’ strateġija għall-żvilupp sostenibbli. Biex naslu hemm bżonn ta’ rieda politika qawwija minn kull livell ta’ awtorita’ u fil-fatt inħossni nkuraġġiet bl-entuzjażmu tal-Prim Ministru Gonzi fuq l-importanza tal-ambjent għal pajjiżna. Imma biex naslu mhux bizzejjed ikollna rieda politika. Hemm bżonn li d-Dipartimenti u l-Aġenziji kollha tal-Gvern jifhmu l-benefiċċji ta’ żvilupp sostenibbli u jieħdu passi biex jippromovuwha.
Id-dimensjoni politika hija wkoll importanti għaliex il-proċess ta’ żvilupp sostenibbli jinħtieġ li jintlaħaq kunsens fil-mod kif jintużaw ir-riżorsi naturali u ekonomiċi. Fil-fatt nemmen li żvilupp sostenibbli huwa primarjament proċess politiku għaliex hu bbażat fuq negozjar kontinwu, minħabba li għandek gruppi u individwi li għandhom interess differenti ta’ kif jintużaw ir-riżorsi.
Il-proċess jinkludi wkoll is-sussidjarjeta’ – prinċipju li hu fiċ-ċentru tal-politika tal-Gvern ta’ llum. Dan il-prinċipju hu assoċjat mad-deċentralizzazzjoni tal-poter u l-waqfien ta’ strutturi neċessarji, biex l-entitajiet deċentralizzati jkunu jistgħu jilħqu l-oġġettivi tagħhom ta’ żvilupp sostenibbli.
Fuq kollox, irrid nirringrazzja lilkom li pparteċipajtu f’din il-konferenza. Is-sehem tagħkom se jkun ikkunsidrat fit-tfassil ta’ l-istrateġija nazzjonali.
Irrid nirringrazzja b’mod specjali lil Dr. Francesco La Camera mhux biss għax laqa’ l-istedina tiegħi imma għal wegħda li diġa għamlilna li huwa u l-Istitut Taljan għall-Izvilupp Sostenibbli lesti li jassistuna fil-process li varajna llum. B’hekk anke aħna se nkunu qed nagħtu s-sehem zgħir tagħna sabiex l-familja Europea tfassal strategija sħiħ favur zvilupp sostenibbli. Familja Europea li se tkompli tikber nhar is-Sibt li ġej anke bid-dħul tagħna fiha. L-akbar riġal li l-Unjoni Europea se tagħti u fil-fatt diga bdiet tagħti l-Unjoni Europea lid-dinja hija t-trasformazzjoni tal-pajjiżi l-godda fil-qasam ambjentali.
Qed inħares b’kunfidenza lejn it-tkomplija ta’ dan il-proċess konsultattiv u parteċipattiv u nittama li intom li qegħdin hawn preżenti tkompli tagħtu s-sehem tagħkom u tħeġġu oħrajn biex jipparteċipaw fil-laqgħat li se jkunu organizzati fil-ġimgħat li ġejjin biex titfassal l-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli. |
|
|
|
| |
|
|
|
|
 |
 |
 |
|
|
|
 |
|
|
|
|