 |
 |
 |
 |
Communications |
 |
 |
 |
 |
 |
 |
| |
|
Diskors tal- Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino, fl-okkażżjoni tal-ftuħ ta’ uffiċċji tal-Bord ta’ l-Appell dwar l-Ippjanar |
Date:
30/07/2004
Ir-riforma li saret s’issa – 912 appell fl-1998 ; 388 appell fl-2003 Il-Bord ta’ l-Appell dwar l-Ippjanar huwa indipendenti mill-Kummissjoni għall-Kontroll ta’ l-Iżvilupp u mill-Awtorita ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar. Il-fatt illi issa dan il-Bord se jibda jopera minn post li huwa differenti minn dak li jintuża mill-MEPA għandu jgħin biex l-indipendenza bejn iż-żewġ organi tkun iktar ċara.
Is-sena li għaddiet kien hemm l-inqas numru ta’ appelli li kienu sottomessi lill-Bord ta’ l-Appell dwar l-Ippjanar f’dawn l-aħħar għaxar snin. In-numru ta’ appelli kien ta’ ftit inqas minn 400. Dan huwa numru baxx meta mqabbel mad-912 appell li kienu saru fl-1998. Dan minħabba l-fatt illi r-riformi li daħlu fis-seħħ fl-aħħar snin bdew iħallu l-frott.
Bl-emendi li saru fil-liġi tlett snin ilu, meta applikant jitlob lill-Kummissjoni għall-Kontroll ta’ l-Iżvilupp biex tikkonsidra mill-ġdid l-applikazzjoni tiegħu, din tagħtih iċ-ċans li jbiddel il-pjanti li jkun għamel biex l-applikazzjoni tkun iktar aċċettabbli. Barra minn dan, l-applikant għandu d-dritt li jitkellem u jippreżenta l-każ tiegħu. Anke min ikun oġġezzjona bil-miktub kontra xi applikazzjoni għandu d-dritt li jinstema’ waqt li tkun qed tiġi kunsidrata mill-ġdid applikazzjoni.
Din kienet emenda importanti ħafna għax, permezz tagħha, wieħed ma jkollux għalfejn joqgħod jidħol fil-proċess ta’ appell. Madwar 75% tat-talbiet għal konsiderazzjoni mill-ġdid ta’ l-applikazzjoni quddiem il-Kummissjoni għall-Kontroll ta’ l-Iżvilupp, u li jkunu ġew rakkomandati għal rifjut, jiġu aċċettati mill-Kummissjoni. Dan ifisser li l-Kummissjoni, wara li tgħarbel il-pjanti ġodda li jissottomettu l-applikanti u tisma’ l-każ tagħhom, ma taqbilx mar-rakkomandazzjonijiet tan-nies tekniċi u tagħti il-permess lil dawn l-applikanti. F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn in-nies tekniċi u l-Kummissjoni, il-Kummissjoni trid tiġġustifika għalfejn ma tkunx qabblet mar-rakkomandazzjoni tan-nies tekniċi.
Ir-riforma tkompli Iktar kmieni din is-sena inħatar Audit Officer bi qbil bejn iż-żewġ naħat tal-Parlament biex jissorvelja l-operat kollu ta’ l-Awtorita. L-Audit Officer diġa għamel madwar 60 investigazzjoni fuq rapporti li rċieva mingħand il-pubbliku. Dan l-Uffiċċju huwa wieħed importanti għax l-indipendenza ta’ l-Audit Officer tagħtih il-fakulta li jirrakkomanda lill-MEPA x’azzjonijiet għandha tieħu biex jitjieb l-operat tal-MEPA u jekk din ma tieħux passi skond ir-rakkomandazzjoni ta’ l-Audit Officer, hija trid tagħti r-raġunijiet għalfejn m’għamlitx dan.
Il-Gvern irid illi l-proċess ta’ l-ippjanar f’pajjiżna titneħħilu l-burokrazija żejda, jaqdi iktar il-ħtiġijiet tan-nies u jkun iktar customer friendly. Għalhekk se jsiru tlett audits li jittrattaw tlett oqsma li huma :
• Il-proċess kollu ta’ l-applikazzjonijiet għal żvilupp inkluż il-proċess ta’ konsultazzjoni ma’ dipartimenti jew aġenziji tal-Gvern • Ir-rapport dwar applikazzjoni għal permess ta’ żvilupp (Development Permission Application Report – DPAR) li jkollu r-rakkomandazzjoni dwar jekk applikazzjoni għandhiex tiġi aċċettata jew le • Is-sottomissjonijiet li jsiru mill-periti meta jippreżentaw applikazzjoni għall-permess ta’ żvilupp f’isem l-applikanti.
Dawn it-tlett audits se jkunu taħt l-awspiċi ta’ l-Audit Officer biex ir-rakkomandazzjonijiet ikunu indipendenti mill-Awtorita.
L-Audit dwar il-proċess kollu ta’ l-applikazzjonijiet għal żvilupp inkluż il-proċess ta’ konsultazzjoni ma’ dipartimenti jew aġenziji tal-Gvern
L-ewwel audit, dak dwar il-proċess kollu ta’ l-applikazzjonijiet għal żvilupp, diġa beda u qed isir mill-Management Efficiency Unit tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Dan l-audit qed jidħol fil-proċess kollu ta’ l-applikazzjonijiet inluż dak tal-konsultazzjonijiet li l-MEPA jkollha bżonn tagħmel ma’ dipartimenti oħra u aġenziji tal-Gvern. Il-MEPA hija każ ċar ta’ one-stop shop fejn minflok li l-applikant joqgħod idur id-dipartimenti kollha tal-Gvern għall-kummenti tagħhom dwar l-applikazzjoni, il-MEPA tagħmel dan kollu f’isem l-applikant. Dan ifisser ukoll li jekk xi dipartiment tal-Gvern ikollu oġġezzjoni valida għal xi applikazzjoni, tkun il-MEPA li tidher li qed tirrifjuta l-permess. Fl-istess ħin, jekk xi dipartiment idum biex jikkummenta dwar applikazzjoni, il-MEPA wkoll tkun qed tidher li qed iddum biex tiddeċiedi dwar applikazzjoni. Id-dipartimenti kollha tal-Gvern għandhom rwol fil-proċess ta’ l-applikazzjonijiet u għalhekk ikunux effiċjenti jew le ikun rifless ukoll fuq il-proċess ta’ l-applikazzjoni u fuq kif tidher finalment l-istess MEPA.
L-Audit dwar ir-rapport dwar applikazzjoni għal permess ta’ żvilupp (Development Permission Application Report – DPAR)
Audit ieħor li se jsir huwa dwar il-forma, il-kontenut u l-kwalita tar-rapport dwar l-applikazzjoni (dak li jissejjaħ id-Development Permission Application Report) li jiġi ippreparat mill-impjegati tal-MEPA. Dan ir-rapport ikun fih ir-rakkomandazzjoni dwar jekk għandhiex tiġi aċċettata jew rifjutata applikazzjoni għal permess ta’ żvilupp. L-audit se jara kif il-proposta għall-iżvilupp tiġi analizzata mill-case officer, jekk il-policies li jiġu kkwotati mill-case officer ikunux rilevanti, il-mod kif il-case officer jiżen il-policies li jkunu applikabbli għall-applikazzjoni, kif il-case officer jasal għall-konklużjoni u r-rakkomandazzjoni tiegħu. Fejn rapporti ta’ case officers ikunu analizzati u dawn jinstabu li jkunu difettużi, ikun hemm rakkomandazzjonijiet dwar x’tip ta’ taħriġ il-case officer partikolari jkun jeħtieġ. Jekk il-case officer imbagħad xorta waħda jibqa’ jipproduċi rapporti li jkunu difettużi allura l-MEPA għandha tara x’rimedji oħra għandhom jittieħdu biex il-proċess ta’ l-ippjanar minbarra li jkollu l-accountability bħala karratteristika fundamentali, jagħti s-servizz li jixraq lill-klijenti tiegħu.
L-Audit dwar is-sottomissjonijiet li jsiru mill-periti meta jippreżentaw applikazzjoni għall-permess ta’ żvilupp f’isem l-applikanti.
It-tielet audit li se jsir huwa dak dwar il-kwalita tas-sottomissjonijiet li jsiru mill-periti meta jippreżentaw applikazzjoni għall-permess ta’ żvilupp f’isem l-applikanti. Sottomissjonijiet dgħajfa min-naħa tal-periti ma jgħinux għal proċess effiċjenti ta’ applikazzjoni. L-audit se jeżamina l-kwalita u l-kompletezza tas-sottomissjonijiet li jsiru. Barra minn dan se jkun ukoll eżaminat jekk it-talbiet għal informazzjoni oħra min-naħa tal-MEPA jkunux ġustifikati jew le.
Dawn l-audits se jinvolvu konsultazzjonijiet ma’ min għandu interess fil-proċess ta’ l-ippjanar. Iż-żewġ audits dwar ir-rapport li jitħejja mill-case officers tal-MEPA u dwar is-sottomissjonijiet tal-periti se jsiru bil-parteċipazzjoni diretta ta’ rappreżentati tal-Kamra tal-Periti, tal-Users Committee u tad-Direttorat ta’ l-Ippjanar. Nixtieq nirringrazzjahom minn issa tal-ħidma li se jwettqu.
Dawn l-audits għandhom iwasslu biex il-prattiċi li jintużaw fil-proċess ta’ l-applikazzjoni għal permess ta’ żvilupp jitjiebu biex dak li jiġi żviluppat ikun, ikun, fl-aħħar mill-aħħar, fl-aħjar interess ta’ kulħadd. |
|
|
|
| |
|
|
|
|
 |
 |
 |
|
|
|
 |
|
|
|
|