 |
 |
 |
 |
Communications |
 |
 |
 |
 |
 |
 |
| |
|
Diskors tal-Ministru Pullicino waqt seminar organizzat mill-WasteServ mall-Kunsilli Lokali |
Date:
16/09/2004
Il-laqgħa ta’ dalgħodu tifforma parti mill-proċess wiesa’ ta’ konsultazzjoni li qed isir mal-Kunsilli Lokali u dawk kollha involuti, u fi tmiemhom il-WasteServ se tkun f’pożizzjoni li tressaq ir-rakkomandazzjonijiet tagħha lill-Gvern għall-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ separazzjoni ta’ l-iskart madwar Malta u Għawdex.
Dan hu proġett iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea u għal dan il-għan WasteServ Malta Ltd għadha kemm kisbet €4.6 miljuni f’Fondi Strutturali. Il-proġett huwa maħsub sabiex il-kunċett ta’ separazzjoni ta’ l-iskart jinfirex gradwalment fuq skala nazzjonali.
Kull min hu preżenti għal din il-laqgħa għandu rwol importanti ħafna fil-ħolqien ta’ sistema adekwata ta’ separazzjoni ta’ l-iskart f’Malta. Matul dawn l-aħħar tmien xhur kellna rata inkoraġġanti ta’ parteċipazzjoni mill-pubbliku fejn b’kollox inġabru madwar 260 tunnellata ta’ karti, 92 tunnellata ta’ plastik, 48 tunnellata ta’ metall u 139 tunnellata ta’ ħġieġ mill bring-in sites.
Dawn il-figuri jawguraw tajjeb għall-ġejjieni tas-separazzjoni ta’ l-iskart f’Malta u Għawdex. Pero jindikaw ukoll li għad fadal ħafna materjal x’jinġabar. L-isfidi u l-implikazzjonijiet li għandna quddiemna għad irridu inħarsu lejhom mill-qrib u f’kollaborazzjoni mal-Kunsilli Lokali, biex il-bżonnijiet ta’ kull lokalita’ partikolari jkunu indirizzati fil-kuntest ta’ l-implimentazzjoni ta’ din is-sistema ta’ separazzjoni ta’ skart.
Dawn il-laqgħat se jiddiskutu l-fażijiet kollha involuti fil-proġett ta’ separazzjoni ta’ l-iskart. Dawn jinkludu l-iżvilupp ta’ għadd ta’ bring-in-sites għas-separazzjoni tal-karta, hġieġ, metall u plastik u t-twaqqif ta’ ċentri ta’ riċiklaġġ magħrufa aħjar bħala Civic Amenity Sites għall-iskart goff. Aspett ieħor li se jkun diskuss huwa s-separazzjoni ta’ skart minn bosta djar b’mod li dan jikkumplimenta l-immodernizzar ta’ l-impjant ta’ trattament ta’ Sant’Antnin, li għalih, qed issir talba ta’ €16.7 miljun f’Fondi ta’ Koeżjoni ta’ l-Unjoni Ewropea.
Il-Gvern hu impenjat li jkompli għaddej bil-ħidma li għandha twassal għall-implimentazzjoni ta’ politika sostenibbli għall-qasam ta’ l-immaniġġjar ta’ l-iskart f’pajjiżna għas-snin li ġejjin. Bdejna billi kif wegħdna fl-aħħar ta’ April tas-sena l-oħra għalaqna l-miżbliet tal-Magħtab u tal-Qortin f’Għawdex. Minbarra f’hekk għandna pjanijiet għar-raibilitazzjoni ta’ dawn iż-żewġ miżbliet kif ukoll għal dik f’Wied Fulija.
L-iskart li qabel kien imur fil-miżbliet issa qed jitpogga f’faċilita’ mibnija apposta f’Ta’ Żwejra li saret taħt osservanza stretta tal-liġijiet u standards internazzjonali. Biżżejjed ngħid li l-faċilita’ l-ġdida għandha ħames saffi ta’ protezzjoni biex ikun żgurat li xejn mill-iskart maħżun ma joħroġ.
Biex il-Gvern seta’ jasal biex jagħlaq il-miżbliet fil-ħin kellha tittieħed ukoll deċiżjoni kruċjali dwar il-materjal iġġenerat mill-industrija tal-bini li kien jammonta għal madwar 80% ta’ l-iskart kollu li kien jidħol fil-miżbla tal-Magħtab. Tajjeb ngħid li minn Mejju 2003 sax-xahar li għadda nġabru aktar minn 2.3 miljun tunnellata ta’ materjal tal-kostruzzjoni u mtlew għaxar barrieri li qed ikunu riabilitati.
L-iskart kollu għandu prezz biex ikun trattat, tant hu hekk li l-estimi għal din is-sena juru li l-WasteServ se jkollha bżonn ma’ l-Lm4 miljuni għall-operat tagħha. Għaddejja wkoll ħidma fuq numru ta’ proġetti li tfisser nefqa ta’ madwar €32 miljun. L-Unjoni Ewropea qed tipprovdi finanzi li jlaħħqu għal madwar €24 miljun. Għalkemm l-Unjoni Ewropea qed terfa’ u se tkompli terfa parti sostanzjali mill-piż, aħna rridu noħorġu wkoll il-parti tagħna.
Bl-introduzzjoni ta’ Eko-Kontribuzzjoni l-Gvern mhux qed jimmira li jkopri din l-ispiża kollha. Il-Gvern qiegħed fuq kollox jinvesti bis-sħiħ biex pajjiżna jkollu mmaniġġjar ta’ l-iskart sostenibbli, imma rridu nsostnuh anke finanzjarjament inkella nibqgħu biss bil-pjani għax ma jkollniex il-mezzi kif nimplimentaw il-pjani. L-immaniġġjar ta’ l-iskart jfisser flus għal faċilitajiet kif ukoll flus biex immexxu dawn il-faċilitajiet.
Nittama li dawn il-laqgħat iwasslu biex ikollna suġġerimenti pożittivi għaliex fl-aħħar mill-aħħar il-kunsill stess ha jibbenifika. Il-problema ta’ l-iskart f’pajjiżna mhijiex tal-Gvern ta’ llum biss imma hija problema ta’ kull wieħed u waħda minna. Jekk nibqgħu passivi nispiċċaw biex nagħmlu aktar ħsara u ngħaddu problema akbar lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna.
Hu propju għalhekk li l-Gvern qiegħed l-immaniġġjar ta’ l-iskart bħala waħda mill-prioritajiet ewlenin tal-ħidma tiegħu. Bir-rieda tajba u s-sehem ta’ kulħadd naslu biex nindirizzaw din il-problema. |
|
|
|
| |
|
|
|
|
 |
 |
 |
|
|
|
 |
|
|
|
|